my-malta.com; Drawwiet Maltin tal-Qedem -- il-Bejjiegha tat-Toroq




is pleased to bring you more
information about Malta's Traditions



— mill-pinna ta' Charles Casha —

Please be patient
while images load.



  edit: my-malta.com © 2005
 art: Charles Casha © 2005



 

 

 

Dan li gej huwa mehud mill-ktieb ta' Charles Casha bl-isem ta' << Minn fuq l-Ghatba >>   (publ.2001; klabb kotba maltin/n.185).

Dan l-artiklu jaghmel parti mis-sezzjoni taghna msejjha Drawwiet Maltin tal-Qedem.



Il-bejjiegħa

 

Meta kont għadni tifel, it-toroq tagħna kienu mimlija attivita’ minflok il-ġenn tat-traffiku li naraw illum. Kont tara nies jitkellmu wara l-bibien tad-djar, tfal jilagħbu u jgħajtu u numru sabiħ ta’ bejjiegħa li kienu jiġu jduru mat-toroq, ilkoll b’għajta distintiva li għalihom kienet l-aqwa reklam.

  Kull nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Ħamis kien jiġi tal-pitrolju li kellu għajta li wkoll it-torox kienu jisimgħuha. Kien jieqaf fi tliet postijiet fit-triq u kull darba jtella’ l-pala t’idu ma’ ħalqu u jgħajjat b’kemm kellu saħħa:

  “Troljuuuuuuuuuuuuuuuuu!”

  U dik l-aħħar vokali kien jibqa’ jkaxkarha sakemm jaqta’ nifsu.

  Mbagħad jibdew jinġabru madwaru x-xerrejja, kullħadd b’xi landa jew tnejn. l-pitrolju kien jintuża ħafna għat-tisjir li dak iż-żmien kien isir fuq l-ispiritieri. Kellu ħabta kif iferra’ l-pitrolju mingħajr ma jwaqqa’ fl-art.


it-trakk bil bawzer ha post il-karettun u z-ziemel ta'dari


  Kważi kuljum, minbarra nhar ta’ Ħadd kien jiġi Bertu tas-silġ.

  Ħafna nies ma kellhomx friġis u min kellu xi waħda, bħal Rożi tal-ħanut din kienet tal-pitrolju. Kien hemm min kien iqiegħed is-silġ ġo banju kbir u taħtu jifrex xi fliexken tal-luminata jew bl-ilma. Oħrajn kellhom dik li konna nsejħulha l-kaxxa tas-silġ. Din kienet ta’ l-injam, miksija biż-żingu minn ġewwa. Is-silġ kien jitqiegħed f’kaxxa għalija fuq u taħtu wieħed kien jista’ jqiegħed l-ikel, fliexken u x’jixtieq. Fil-qiegħ kellha toqba minn fejn jinżel l-ilma li jdub u jinġabar ġo tilar taż-żingu.

  Bertu kien jiġbor ruxmata tfal madwaru u kullħadd jitolbu biċċa silġ ħalli joqgħod isoffha! Kienet tkun mielħa iżda friska. Darba wieħed tifel daħħal idu biex jaħtaf biċċa silġ waqt li Bertu kien qed jaqsam blokka silġ b’ħadida qisha lieva. Hekk kif niżżel il-ħadida b’saħħtu kollha, it-tifel għajjat għajta tal-biża’ u beda jaqbeż u jogħla kemm jiflaħ. Sebgħu kien sarlu vjola u ntefaħ daqs mazzita. Kemm werżqet ommu u kemm inkwieta Bertu! Ħaduh l-ispiżerija fejn is-Sur Manwel, kif konna nsibuh, infaxxalu sebgħu u qal lil ommu x’kellha tagħmillu. Filgħaxija ħaditu għand it-tabib Borg.

 
Bejjiegħ ieħor kien dak li jiġi bit-tut. Għadni niftakar l-għajta tiegħu “żabbarija t-tut” li qatt ma stajt nifhem x’kienet tfisser eżattament! Kien jiġi l-aktar wara nofsinhar b’żewgt iqfief, waħda fuq kull id. Kellu s-swaba suwed għax it-tut itebba’. In-nies kienet toħroġ bl-iskutelli u tixtri. Nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Gimgħa kienu jiġu x-xlukkajri nisa mgħobbija bil-qabda tal-ħut. Kienu jġorru l-ħut ġo kavetti u kont niskanta kif kienu jibbilanċjaw dawk il-kavetti fuq rashom! Ħafna minnhom kienu jiġu tista’ tgħid flimkien, probabbli għax kienu jiġu ma’ l-istess karozza tal-linja lkoll jgħajtu “Ħajjin!” fil-waqt li jġorru l-mejtin. Fiż-żmien il-lampuki ġieli ġew ukoll filgħaxija. Kienu jiżnu l-ħut fuq miżien żgħir u jgeżwru l-ħut mixtri ġo karti sofor li konna ngħidulhom karti taz-zokkor.

 
Ftit il-bogħod minn fejn kont noqgħod kien hemm karma żgħira li fiha Ċikku l-Iswed fix-xitwa kien jagħmel il-bigilla u fis-sajf il-ġelat. Ma kienx xempju ta’ l-indafa u missieri li kien jaħdem mas-servizzi u kien imdorri bis-sens ta’ iġjene li kellhom, qatt ma kien iridna nixtru mingħandu.

  “Dak m’għandux idea ta’ ndafa fl-ikel!” kien jgħidilna. U kellu raġun. Darba waħda dan Ċikku bagħat ħafna nies l-isptar meta biegħ xi ġelat ikkontaminat. Minn banda tħassartu meta s-sanità ma ħallewhx ibigħ għal xi żmien! Miskin ma kienx mill-agħar. Imma saħħet il-poplu tiġi l-ewwel!

  Ma rridx ninsa lill-Gringu li kien ibigħ il-bajtar tax-xewk. L-għajta tiegħu “Tax-xitel il-bajtar” ma kellekx ċans ma tismagħhiex! Dan jekk kellu minn kollox, żgur li ma kellux manjieri tajba. Kellu ħabta kif iqaxxar il-bajtra b’sikkina daqsiex! Darba minnhom waqfet waħda sinjura u talbitu jiżnilha ratal bajtar u jqaxxarhulha. Dan, wara li wiżen, qabad bajtra, taha daqqtejn bis-sikkina u fired il-qoxra biex dik il-mara taqbad il-bajtra. Din inġibdet lura.

  “Xi ġralek?” għajjat il-Gringu.

  “Nibża’!” qaltlu.

  “Minn xiex trid tibża’?” reġa’ l-Gringu b’dik il-ħlewwa u l-ġentilezza tiegħu.

  “Mix-xewk!” qaltlu dik.

  “U xi trid tibża’! Hawn ara ħa!” U kif qal hekk qabad bajtra mill-bixkilla, li ma kienx għadu xarrab biex jirtab ix-xewk, u tefagħha f’ħalqu u kiela!

  Dik il-mara għal naqra ma ħasshiex ħażin.

 
  Fis-sajf kien jiġi wkoll tar-rizzi mgħobbi b’bixkilla mdaqqsa wara darhu. Kien jieqaf u n-nies toħroġ ħalli tixtri. Ir-rizza kien jaqsamha fuq biċċa sufra marbuta mal-ġenb tal-bixkilla u l-parti li ma tinbiegħx kienet taqa’ għal ġo qoffa ċkejkna marbuta mal-bixkilla. Aħna t-tfal konna nduru madwaru biex nieħdu din il-biċċa u nsoffu xi ftit laħam li forsi jibqa mwaħħal magħha meta tinqasam. Kultant konna nitolbuh waħda u nieħdu gost narawha tiċċaqlaq meta nqiegħduha fix-xemx.

  Kemm konna nieħdu gost bix-xejn!

  Charles Casha © 2001
Minn Fuq l-Ghatba
sensiela Klabb Kotba Maltin (185)

English Version

my-Malta-home Towns & Villages Our Rich History That's Interesting !? At Your Service
Sign Guest Book Maltese People Special Feature Resources Page Stationed at Malta
What's New ? E-MAIL US Site Map Join Us ! Message Boards


Please circulate this page amongst your friends and contacts, urging them to support Maltese culture.

Nitolbuk tibghat din il-pagna lil hbiebek kollha, biex inhegguhom jibizghu ghall-kultura Maltija kollha.