Walter,
Beachclub Concert,
   Marsascala-2002

L O G O   reviews  

għandha l-pjaċir twasslilkom lil

Walter Micallef
l-Ikonu tal-ħajja

my-malta.com © 2003  


This webpage contains text in the Maltese language, so requires your computer to recognize Maltese characters.   Download your Un-Zipped Maltese Font.

Din il-kitba tehtieg il-'karattri Maltin' biex tidher sewwa.   Nizzilhom minn hawn.



  Il-kliem tad-diski ta'   M'Jien Xejn



Awwissu

Sħana riħ isfel u gdim tan-nemus,
nixtri aircondition li kelli l-flus,
forsi norqod aħjar.
Uff xi dwejjaq f’din id-dar.

Mhux li kont taħt xi palma
f’xi blue lagoon,
ramel bħal terra, ir-riklam hekk ikun,
u b’xi tfajla tal-ġenn, tisqini r-rum
u ftit ‘il hemm
id-dgħajsa tal-qlugħ,
u fuq il-bajja m’hemmx ruħ.

Sħana u għaraq u qtugħ ta’ nifs,
nonfoħ u nsabbat, taqbiżli spiss,
min iħobb dan l-istaġun -
żgur li iblah jew miġnun.

Sħana, murtali tal-ħoss u l-kulur,
kullimkien iffullat m’għandekx fejn iddur;
riħa ta’ żjut u bombi tal-ftuħ,
ħuduni fil-bajja fejn m’għadx hemm ruħ
għajr it-tfajla tal-ġenn,
tisqini r-rum u ftit ‘il hemm,
id-dgħajsa tal-qlugħ,
u fuq il-bajja m’hemmx ruħ.

Sħana riħ isfel u gdim tan-nemus
tiskanta kif hawn min iħallas il-flus
biex jiġi f’dat-tidlik.
Tiddejjaq għarwien aħseb u ara jekk t…

Sħana għatx kbir li tixrob gallun,
żaqqek tintefaħ ‘ssir qisha ballun.
Bi nhar idur għalik id-dubbien,
bil-lejl jittajjar fuqek wirdien.

Sħana li tqabbdek tant ħakk u tingiż,
riħa ta’ qrusa u għaraq mal-qmis.
Tiekol mill-inqas għax ħafna tarmih
u m’hemmx li jaqleb xi naqra r-riħ.

Kliem u Mużika: Walter Micallef
© Walter Micallef 1996


Tihom Widen

Ta’ tmintax-il sena ridt tbiddel id-dinja
u llum li qrobt il-erbgħin,
minn bilqiegħda rajt il-ħajt jaqa’ kollu
u ‘ndunajt li ma nftiehem xejn.
Tixtieq itqum u ssemma’ leħnek
għax id-demm għadu jbaqbaq kif kien,
iżda għalkemm għad hemm il-ħajja fl-ispirtu
il-ġisem issa għajjien.

Tistaqsi ‘l dawk l-erbgħa miġbura madwarek
fejn huma ż-żgħażagħ daż-żmien?
Min huma s-sriep li qed ibellgħulhom
it-trab li jwassalhom sat-tmien?
Fejn hija l-ġustizzja li ħambaqna fuqha
u dawk illi ħalfu bis-sew?
Għax għalkemm it-tuffieħa sabiħa minn barra
id-dudu nawwarha minn ġew.

L-eroj tal-komiks miet, imma għandu mnejn jerġa’ jirxoxta.
U int li għażilt is-skiet, qed issib
li mhix ir-risposta.
U dawk l-erbgħa madwarek
li fehmu l-messaġġ
u qed iħeġġuk u jagħmlulek kuraġġ,
tihom widen, imqar għal darba biss.
Tihom widen, imbagħad għal aktar spiss.
Tihom widen, għall-ġenerazzjoni li jmiss.
Tihom widen.

Jekk temmen li għad hemm tama għalina
minn bil-qiegħda xejn mhu se jsir.
Iż-żgħażagħ ta’ għada jridu tweġiba,
‘tihielhom qabel l-għasfur itir.
Weġibhom bil-vuċi u bil-kitarra
kif weġbuk meta inti staqsejt.
Għax sakemm għad għandek il-ħajja fl-ispirtu
qatt tammetti l’għejejt

Kliem u Mużika: Walter Micallef
© Walter Micallef 1995


San Blas Waqt il-Programm

Tinsab viċin, imma ‘l bogħod.
Insib il-ħin, irrid b’xi mod.
Nisimgħek biss, bil-kemm narak.
Inħares fiss u nimmaġinak.

Imma ma jistax ikun nibqa’ sejra kif jiena,
għax jum wara jum donnu qed nitlob il-ħniena.
U jekk huwa ħażin miniex infittex indiema,
għax lilek biss irrid, jien lilek biss irrid.

Norqod ħafif, itirli n-ngħas.
Imm’għidli kif ma nagħtix kas?
Inżomm ‘il bogħod, ma jagħmilx sens.
Nibda nirtogħod għax irrid il-wens.

Imma ma jistax ikun nibqa’ sejra kif jiena,
għax jum wara jum donnu qed nitlob il-ħniena.
U jekk huwa ħażin miniex infittex indiema,
għax lilek biss irrid, jien lilek biss irrid.

Lilek irrid, ċara kristall.
Int tiegħi sid, qatt ma ninħall.
Tgħollini ‘l fuq, tkebbisli n-nar.
Tħallini nduq, imbagħad jaqa’ ċ-ċpar.

Imma ma jistax ikun nibqa’ sejra kif jiena,
għax jum wara jum donnu qed nitlob il-ħniena.
U jekk huwa ħażin mineix infittex indiema,
għax lilek biss irid, jien lilek biss irrid.

Imma ma jistax ikun nibqa’ sejra kif jiena,
għax jum wara jum donnu qed nitlob il-ħniena.
U jekk huwa ħażin miniex nfittex indiema,
għax lilek biss irrid, jien lilek biss irrid.

Naqa’ għalik daqs tir fid-dlam.
Jekk nisker fik. Kiesaħ l-irħam.

Kliem u Mużika: Walter Micallef
© Walter Micallef 2000


Sieħbi fil-Kabord tal-Kċina

Id-dawl baxx bilkemm nara hawn ġew.
Bil-bieb magħluq naf li moħbija sew,
għax sakemm tinsab hawnhekk
xejn m’hu se jbeżżagħni.

Il-Bambin bagħtek, mingħajrek m’jien xejn.
L-għajat ta’ barra jtarrax il-widnejn,
għax sakemm tinsab hawnhekk
ħadd ma jinkwetani.

Sieħbi fil-kabord tal-kċina
qatt ma telaq minn ħdejja,
qatt ma kellimni bil-herra
qatt ma sakkarni fil-kamra.

It-tfal l-iskola ma nsemmulhom xejn.
Dan is-sigriet jibqa’ bejnietna t-tnejn,
għax sakemm tibqa’ hawnhekk
xejn ma jkun jonqosni.

Jekk hawn l-istorbju toqgħodx tagħti kas.
Issa l’ hawn jien tgħaddi l-uġigħ ta’ ras,
għax sakemm nibqgħu flimkien
ħadd m’hu se jweġġagħna.

Sieħbi fil-kabord tal-kċina
qatt ma telaq minn ħdejja,
qatt ma kellimni bil-herra
qatt ma sakkarni fil-kamra.

Sieħbi fil-kabord tal-kċina
qatt ma benġilli idejja,
qatt ma ħaraqni bil-ġamra,
qatt ma gidimli widnejja.

Sieħbi fil-kabord tal-kċina
qatt ma rabatni mas-sodda,
qatt ma waddabli l-platti,
qatt ma qal li jiena naħti.

Sieħbi fil-kabord tal-kċina,
qed jgħidu li m’huwiex veru,
qed jgħidu li ‘mmaġinajtu,
biss jien naħlef li rajtu.

Kliem u Mużika: Walter Micallef
© Walter Micallef 1999


Blues

Għandi qalbi sewda,
u mhux ser ngħidilkom
għaliex.
Iva għandi qalbi sewda
U mhux ser ngħidilkom
għaliex.
Għax jekk niftaħ qalbi
magħkom,
żgur li taħsbu li jien m’aħniex.

Rajtha filgħodu kmieni
u kienet liebsa dublett qasir.
Imbagħad rajtha filgħaxija
u qabbditni d-dardir.
U li ma kontx naqra fis-sakra
dak li għandi kien itir.

Għidtilha jisimni Ġanni,
u qaltli li kienet ‘Gay’.
Indunajt li mhix Maltija
u allura staqsejtha “minn fejn?”
Qaltli li kienet Norveġiża,
iżda dan ma jfisser xejn.

Biex naqta’ storja twila,
ġibtilha ‘Baby Cham’.
Għaliex qaltli dawk il-bubbles
tħosshom ifaqqgħu ġewwa d-demm.
U wara li xorbot l-ewwel tlieta,
ħtaftilha idha u tlaqna ‘l hemm.

Daħlitli fil-karozza
u għidt, “Man x’tifla għabbejt”.
Intefgħatli fis-seat ta’ wara
bejn id-duster u l-landa taż-żejt.
U bil-kemm ilħaqna tlaqna
għaliex jiena kont ġa ġejt.

Qaltli, “it’s no problem;”
anzi, “it’s very cool.”
Imbagħad ħatfitni minn spallejja,
talbitni biex indur.
Jien telagħli l-hamburger
u biddilt ma’ l-elf kulur.

Għandi qalbi sewda
u issa tafu għalfejn.
Iva għandi qalbi sewda
u issa tafu għalfejn.
Għax it-tfajla li mort magħha
sibt li bħali għandha tnejn.

Kliem u Mużika: Walter Micallef
© Walter Micallef 1997


Elfejn u Għoxrin

Rasna fis-sħab, saqajna fir-ramel;
‘mneħirna fix-xgħir u mtlejna bil-qamel.
Sejħulha ħelwa, saret miżbla ta’ skart -
minn min għex ġo fiha u ndokra ‘l din l-art.

Biex infittxu nbiddluha lgħabnieha t’għamjin;
bil-qoxra sabiħa u minn ġewwa mmermrin.
Meta l-medda bnejnieha, għolejna ‘l fuq,
u għalkemm baqgħu battala sostnejna s-suq.

‘Żda mbagħad it-trabi tweldulna b’nifishom maqtugħ,
u dorna għal Kristu sabiex nieħdu r-ruħ.
Iżda r-raġġi tax-xemx, u l-ponot tal-ġilda,
ix-xita ta’ aċtu, għerrquna fil-qerda.

Il-ħut illi qbadna kien ġa vvelenat
biż-żjut u l-qatran u l-baħar kontaminat.
L-għasafar tal-passa evitaw din it-triq
għax għarfu li minnha diffiċli li tfiq.

Meta ftaħna għajnejna kien diġà tard wisq
u min laħaq ħalliena xtaqilna ir-riżq.
Min stagħna mas-snin mar jgħix f’art imbiegħda
mal-ħbieb u l-familja li żergħu firda u mibegħda.


U aħn’għexna bit-tama li għad fil-ġejjien
Terġa’ ssir art ħelwa għal żmien dejjiem,
fejn tisma’ t-tfal jidħku u jilagħbu bil-ferħ,
u niżirgħu f’ħamrija li ħelset mill-melħ.

Imma n-nisa m’għadhomx iżommu disa’ xhur,
u min jasal sal-ħlas beżgħan mill-futur.
Kien hemm min ħeba l-wild sfigurat
u min ħeles ħesrem f’mument iddisprat.

U jien ingħalaqt bejn dawn l-erba’ ħitan,
u ngħaddi l-ħin nikteb jew inkella xurban.
U jekk Alla fis-sema tassew hu ħanin
jeħlisna dis-sena elfejn u għoxrin.

Kliem u Mużika: Walter Micallef
© Walter Micallef 2001


Dan l-Aħħar

Dan l-aħħar sirt tittardja filgħaxija.
B’xi skuża dejjem lesta, x’ħin jiena nistaqsik.
Ma nafx jekk hix il-fwieħa jew inkella san????? il-ħsieb,
biss dan l-aħħar qed nistenna wara l-bieb.

U kieku taf kemm qed itkun bi tqila,
Li nagħlaq għajn ma’ għajn, u nisraq ftit mistrieħ.
Għax dan l-aħħar, x’ħin kont rieqda,
tennejt minn taħt l-ilsien.
U naħlef li dak li sejjaħt mhux jien.

Jisbaħ għada u ngħid li kienet ħolma kerha.
Spiss insibni qatt niċċassa ġewwa l-mera.
Dal-ħitan m’għadhomx jagħtuni kenn.
Spiċċat il-ġenna, beda l-infern.
Il-ġamra ntfiet, u baqa’ biss irmied.

Dan l-aħħar ħsibt li għandu mnejn ngħaġġibhom.
Imbagħad it-telefon reġa’ daqq għal xejn.
Nixtieq minn qalbi nemmnek, li kien numru ħażin.
Iżda kemm se ddum issib skuża bħal din.

Kliem u Mużika: Walter Micallef
© Walter Micallef 1998


Kif Deherli Jien

Illum li xagħri bjad, u għandu mnejn jeħfief,
inħares lura u ngħid li kienu ġranet sbieħ.
Kemm tajjeb u ħażin, u għalkemm xi ftit għajjien,
b’kuraġġ idi meddejt, u mxejt kif deherli jien
matul iż-żmien.

U d-drabi li żbaljajt, żgur swewli ta’ tagħlim,
għax qomt meta waqajt, tlewwimt u lħaqt ftehim.
Bl-għajnuna tal-Mulej, li sibtha kullimkien.
Qatagħli qalbi xejn, u mxejt lif deherli jien
matul iż-żmien.

Li kelli nerġa’ lura għall-bidu ta’ dit-triq,
u ttini nagħżel li nixtieq,
xejn ma nibdel, u nimxi fl-istess pass.
U nerġa’ ngħid matul iż-żmien
li mxejt kif deherli jien.

Min jaf għada x’se nsib?
Min jaf x’għad hemm mistur?
Kull bidu fih it-tmiem, u r-rota terġa’ ddur.
Bl-għajnuna tal-Mulej, u kull min xtaqli l-ġid,
qatgħali qalbi xejn, u mxejt kif deherli jien
matul iż-żmien.

Li kelli nerġa’ lura għall-bidu ta’ dit-triq
U ttini nagħżel li nixtieq.
Xejn ma nibdel, u nimxi fl-istess pass.
U nerġa’ ngħid matul iż-żmien
li mxejt kif deherli jien.

Kliem u Mużika: Walter Micallef
© Walter Micallef 2000


Ġianni

Gianni x’għamiltli, sraqtli l-għarusa,
u llejla min jaf x’int tgħannaqha u tbusha.
Gianni għalfejn?
Jien qatt m’għamiltlek xejn.

Kont qed inħossni fis-seba’ sema,
imbagħad tfaċċa Gianni, u qabżitli demgħa.
Minn demgħa sar wied, u kiber l-inkwiet.
Gianni għalfejn, jien qatt m’għamiltlek xejn

Li kont ħaddieħor, il-lejla niġi nfittxek;
li kont ħaddieħor, inkissirlek wiċċek.
Tilgħabha ta’ l-iblah, kieku taf kemm narak ikrah.
Aħfirli Mulej, ‘mma ‘l Gianni qatt
m’għamiltlu xejn

‘Ssaħħret warajk bil-kliem li fesfistilha,
u Alla biss jaf x’aktar daħħaltilha
f’moħħha. Mulej,
aħfirli, għax m’għamiltlu xejn.

Raqdet bla ħsieb, illum għandha tarbija.
In-nies tħares lejja qisu għandi xi ħtija.
Agħdirni Mulej,
int taf li ma naħti xejn.

Li kont ħaddieħor, illejla niġi nfittxek;
li kont ħaddieħor, inkissirlek wiċċek.
Tilgħabha ta’ l-iblah, kieku taf kemm narak ikrah.
Aħfirli mulej, imma sal-lum għadni għaddej.


Kliem u mużika: Walter Micallef
© Walter Micallef 1999


Ħrafa u Ereżija

B’żewġ liri xtrajt xkora patata
u bi ħsiebi niffermentaha.
Af li sibt il-kura kollha
biex niffaċċja l-verità.

Ħawwadt xarba ferm qawwija
li kif tmissha ma’ griżmejk
tagħmlek ħrafa u ereżija,
tħoll ilsienek u xofftejk.

M’intx ser tibqa’ inferjuri,
tibda tħossok ta’ l-azzar.
Nifs ir-riħa bukkett fjuri,
u mal-mixja, itir in-nar.

Tħossok qawwi, tank tal-gwerra,
daqs farfett itkun ħafif.
Mela suq, ixrob u ferra’,
ħalli jibda… it-teftif.

Imbagħad immur ġo l-akbar pjazza,
niġbor dawk li ma jaħdmux,
min jħossu bħal paljazza,
min hu għami u min hu trux.

Lil dawn kollha jien nisqihom,
minnhom nagħmel reġiment.
Ħadd ma jibqa’ jinqeda bihom
u ħadd ma jsirli delinkwent.

Inkunu xempju ta’ sbuħija,
ħaġa waħda magħqudin.
F’din il-ħrafa u ereżija,
ħafna paroli u ħela ta’ ħin.


Kliem u Mużika: Walter Micallef
© Walter Micallef 1978


Iż-Żmien

X’jiġri bl-imħabba meta jgħaddi iż-żmien?
Meta l-fjamma tbatti f’ġamar?
Kulma tmur il-ħajja tagħlaq bibien.
Spiċċaw l-għanjiet għall-istilel u l-qamar.

Iżda mbagħad inħares lura
u noqgħod nikkalkula
dak li għaddejna, it-tnejn -
żgur li ma nibdlu ma’ xejn.

Fejn hija l-frugħa taż-żgħożija?
Illum li nimxu b’pass meqjus.
Għandu mnejn kien hemm jiem moħlija,
fejn seta’ ntqal xi kliem dubjuż.

Iżda mbagħad inħares lura
u noqgħod nikkalkula
dak li għaddejna, it-tnejn -
żgur li ma nibdlu ma’ xejn.

Kont mingħalija li faċli taqa’ u tqum.
Ridt ngħix dil-ħajja minn jum għal jum.
U wegħedt li fit-tajjeb u fil-ħażin,
iżda qatt ma tkun lest għal rabta bħal din.
Madanakollu konvint
li t-tajjeb f’ħajti kont int.

X’sar minnu l-ħolm illi fassalna?
Kultant inqum kemxejn maħsud.
Dejjem sejrin u qatt ma wasalna.
Itini ngħid destin misħut.

Iżda mbagħad inħares lura
u noqgħod nikkalkula
dak li għaddejna, it-tnejn -
żgur li ma nibdlu ma’ xejn.

Kont mingħalija li faċli taqa’ u tqum.
Ridt ngħix dil-ħajja minn jum għal jum.
U wegħedt li fit-tajjeb u fil-ħażin,
iżda qatt ma tkun lest għal rabta bħal din.
Madanakollu konvint
li t-tajjeb f’ħajti kont int.

X’jiġri bl-imħabba meta jgħaddi ż-żmien?

Kliem u Mużika: Walter Micallef
© Walter Micallef 1993


In-Nofsinhar

Wieħed l-impjant li jsaffi d-drenaġġ.
Tnejn jippurifikaw l-ilma.
U xorta n-nies għadha tbati l-għatx
u l-ħmieġ jiżdied u jiġma’.

Tlieta l-ibliet minsija fis-swar
u mill-erbat irjieħ li jħaddnuna.
L-aktar imwarrab hu n-Nofsinhar,
il-preżent u l-passat juruna.

Ħamsa l-port, vapur, ajruplan.
Sitta l-oqsma ta’ l-industrija.
Sebat ijiem fil-ġimgħa d-duħħan,
joħroġ miċ-ċmieni ta’ l-enerġija.

Tmienja s-sigħat li jagħti l-ħaddiem,
u jiġu minn Malta bi ħġarhom.
Disa’ xhur fil-ġuf bla kliem,
u wara fit-toroq mhux f’djarhom.

Għaxra l-liġi miksura sikwit
b’nuqqas ta’ ħsieb jew kura,
minn kulmin ġie u ħa li ried,
u ħallih biex bħal granċ imur lura.

Kliem u mużika: Walter Micallef
© Walter Micallef 1981


Le

Sirt naf mill-gazzetti li kien għadu żgħir,
bħal dawk ta’ qablu illi telqu malajr.
Qed tgħid li kont tafu u li ma kienx mill-agħar,
u żgur kien jistħoqqlu tmiem aħjar.

Fejn marru sħabu, li magħhom kien ikun?
Forsi wieħed minnhom seta’ għenu jqum.
Jew min derrieh kif ifaqqa’ meta jrid.
Fejn kienu meta kellu bżonn daqqa t’id?
Iss’ imsaħ dik id-demgħa, u isma’ dan il-kliem:

Tgħallem għid LE, u żomm il-fehma soda.
Ibqa’ għid LE, għalkemm mal-ħbieb hi moda.
Tħalli ‘l ħadd jgħammixlek dawk il-għajnejn,
għax iwiegħdek ġenna għal daqsxejn.
Għidilhom LE, min jiġi b’ħafna ħlewwa.
U ibqa’ għid LE, għax taf illi int is-sewwa.
Tħalli ‘l ħadd jgħammixlek dawk il-għajnejn,
għax iwiegħdek ġenna għal daqsxejn.
Għidilhom LE.

Hawn ħafna ħbieb, jgħidu li jtuk id-dinja.
Idaħħluk ġo basla li m’int qatt se toħroġ minnha.
Iderruk il-labar u tniffes it-trab,
u biex iżżomm il-pass issir ħalliel jew tallab.

Hawn ħafna ħbieb li m’għandekx xi tridhom.
Dawn sid kulħadd u ħadd m’huwa sidhom.
Dejjem iduru u jħufu mas-saqajn,
biex l-ewwel jaqbdu lilek, imbagħad iduru għall-oħrajn.
Le miniex ngħaġġibhom, u isma’ dan il-kliem:

Tgħallem għid LE…


Kliem u Mużika: Walter Micallef
© Walter Micallef 1994


L-F.M.

Il-ħin li għandna hu qasir,
dejjem misruq u wisq itir
malajr, għalina.
Xi mkien imwarrab imgezzin,
ir-radju baxx, u maħbubin.
Il-lejla tgħattina.

Ngħoddu l-istilel fis-smewwiet.
Ħġieġ jittappan man-nifs u s-skiet,
għajr ‘il hemm,
jinstema’ biss l-F.M..

Innisslu kliem minn taħt l-ilsien.
Il-ksieħ u l-bard qisu qatt ma kien
xejn, għalina.
Ma’ dahri s-swaba ta’ idejk,
u maħsud ninġibed lejk.
U l-lejla taħbina.

Ngħoddu l-istilel fis-smewwiet.
Ħġieġ jittappan man-nifs u s-skiet,
għajr ‘il hemm,
jinstema’ biss l-F.M..


Kliem u Mużika: Walter Micallef
© Walter Micallef 1997


M’ Jien Xejn

Dal-bard ta’ Frar ifakkarni fik.
Nitgeddes fil-kutri u noħlom bik.
Qatt ma bsart li sa nħossni daqshekk waħdi.
Nagħfas xfar għajnejja, ħa nżomm lura d-dmugħ.

Tibgħatli tislija kultant ma’ xi ħbieb.
Nilgħabha li nsejtek, izd’ għadek fil-ħsieb.
Emminni ma nafx x’fettilli, kif sibt ruħi f’dan l-istat.
Imn’ Alla tkun xi ittra jew xi ritratt.

Għax m’jien xejn.
Sakemm tinsab imbiegħda m’jiena xejn.
M’għandix kwiet noqgħod bil-qiegħda,
ma nafx biex se nibda nedha
għax m’jiena xejn.

Samra bix-xemx illi ssibek kuljum.
Tħobb lil kulħadd, ikun min ikun.
Li kieku nista’ nitlaq, naqbad it-triq u mmur.
Mingħajrek ħsibt li hawn ser insib futur.

‘Żda m’jien xejn.
Sakemm tinsab imbiegħda m’jiena xejn.
M’għandix kwiet noqgħod bil-qiegħda,
ma nafx biex se nibda nedha
għax m’jiena xejn.

Inħoss wisq dan in-nuqqas,
sa tajjart kull ħjiel ta’ ngħas.
Jekk ma mmurx lura pajjizi,
m’jiena xejn.


Kliem u Muzika Walter Micallef
© Walter Micallef


Taw sehemhom fl-Album

Awwissu: arranġatur mużikali , Studio, Mix: Philip Vella.

In-Nofsinhar: arranġatur mużikali ,Mix , Bass guitar :George Pollacco .
Studio: RTK Kitarra Akustika: Noel Galea Bason.

Dan l-aħħar: Arranġatur mużikali , Studio, Kitarra Akustika: Philip Vella

L-F.M.: Arranġatur, Studio, Kitarra Elettrika: Robert Longo. Kitarra Akustika:
Noel Galea Bason. Perkussjoni: Renzo Spiteri, Cello: ??

Kif Deherli Jien: Arranġatur Mużikali, Studio, Mix: Philip Vella.

Tihom Widen: Arranġatur Mużikali, Mix, Bass Guitar George Pollacco.
Kitarra Akustika: Noel Galea Bason Harmonica: Pawlu Camilleri (il-BiBi)

San Blas waqt il-programm:

Sieħbi fil-Kabord tal-Kċina: Arranġatur Mużikali, Mix, Studio, kitarri akustiċi
Guitars: Renè Mamo.

Gianni: Arranġatur Mużikali, Mix, Studio : Philip Vella.

Blues:

Elfejn u għoxrin: Arranġatur Mużikali, Mix, Studio: Philip Vella.

Ħrafa u Ereżija:

Iż-Żmien: Arranġatur Mużikali, Mix , Bass guitar: George Pollacco. Studio:
RTK . Kitarra Elettrika :Eugenio Baldacchino.

Le: Arranġatur Mużikali, Mix, Studio , Kitarra Elettrika: Robert Longo.
Kitarra Akustika: Noel Galea Bason. Harmonica: Pawlu Camilleri (Il-BiBi).
Backing Vocals: Louiselle Vassallo, Charlotte Stafrace


Kliem u Mużika: Walter Micallef
Ikanta: Walter Micallef












  X'aktar?



Min Hu Walter Micallef?             X'qalu l-kritiċi?




il-'website' Maltija tiegħek !

my-Malta-home Towns & Villages Our Rich History That's Interesting !? At Your Service
Sign Guest Book Maltese People Special Feature Resources Page Stationed at Malta
What's New ? E-MAIL US Site Map Join Us ! Message Boards

Please circulate this page amongst your friends and contacts, urging them to support Maltese culture.

Nitolbuk tibgħat din il-paġna lil ħbiebek kollha, biex inħeġġuhom jibiżgħu għall-kultura Maltija kollha.

L O G O "Thank you for visiting!"